Parroċċa San Lawrenz Birgu

Il-parroċċa ta' San Lawrenz tal-Birgu hi t-tieni l-eqdem parroċċa f'Malta, wara dik tal-Imdina. Saret parroċċa fi żmien in-Normanni fl-1090 u fl-1820 saret Kolleġġjata.

[06/07/20]   NHAR IT-TLIETA LAQGĦA GĦAL DAWK LI SE JGĦINU FIL-QUDDIES

Nhar it-Tlieta se ssir laqgħa għal dawk li offrew li jgħinu fil-quddies, hekk kif il-knisja tagħna nhar is-Sibt tiftaħ mill-ġdid il-bibien tagħha għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

Il-laqgħa tkun fis-6:30pm fil-knisja ta' San Lawrenz. Importanti li min jattendi jkolli l-maskra jew il-visor. S'issa 18-il persuna offrew li jgħinu. Jekk hemm xi ħadd li hu taħt il-65 sena li jixtieq jgħin, jista' jiġi għal-laqgħa. Grazzi bil-quddiem lil kulħadd.

Il-Ħadd, 7 ta' Ġunju 2020

Festa tat-Trinità Mqaddsa u t-tfakkira tas-Sette Giugno

QUDDIESA MIll-BAŻILIKA TA' SAN LAWRENZ F'RUMA

Għada RAI 1 se jxandar il-quddiesa tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa mill-Bażilika ta' San Lorenzo Fuori Le Mura fil-Verano, Ruma. Il-quddiesa tibda fl-10:55am.

ULIED IL-BIRGU U S-SETTE GIUGNO

Minn George Agius

Meta nqallbu fil-paġni tal-istorja nsibu bosta ġrajjiet li flimkien isawwru l-istorja ta’ dawn il-Gżejjer. L-antenati tagħna għaddew minn diversi ġrajjiet, kemm ta’ ferħ, kif ukoll ta’ niket u dieqa. Ġrajja li ħalliet il-marka tagħha fl-istorja ta’ gżiritna hija dik tal-irvellijiet tas-Sette Giugno. F’dawn l-avvenimenti, bħal diversi drabi oħra fl-istorja ta’ pajjiżna, ulied il-Belt Vittoriosa taw sehemhom ukoll.

Mhux il-ħsieb tiegħi li nidħol fid-dettall dwar dak li wassal għal dawn l-irvellijiet u dak li seħħ fihom. Kienu bosta l-fatturi li waslu biex il-poplu Malti jsemma’ leħnu. Minn naħa kellek mexxejja li kienu ilhom snin iħeġġu lill-Maltin iqumu fuq saqajhom u jitolbu għad-drittijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra l-kundizzjonijiet tal-ħajja fost il-poplu Malti kienu ħżienu ħafna minħabba l-prezz esaġerat tal-ħobż u t-tkeċċija ta’ ħafna ħaddiema tat-Tarzna, wara li dawn taw sehem kbir matul il-gwerra l-kbira. Kien żmien fejn ġew imposti ħafna taxxi u saħansitra anke l-istudenti universitarji kienu qed jipprotestaw minħabba t-tibdil fil-korsijiet. Kienu bosta l-fatturi li akkumulaw u nġemgħu u li fl-aħħar mill-aħħar waslu biex il-poplu rvella.

Is-Sibt 7 ta’ Ġunju 1919 kellha tiltaqa’ għat-tieni darba l-Assemblea Nazzjonali fil-Belt Valletta. Fost l-individwi u l-entitajiet ċivili u reliġjużi li aċċettaw li jagħmlu parti f’dawn is-sezzjonijiet tal-Assemblea kienu diversi r-rappreżentanti Vittoriosani. Minn dak li sibt fil-ġurnali jidher li kien hemm seba’ entitajiet Vittoriosani li ħadu sehem fl-Assemblea. Dawn kienu: Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, iż-żewġ soċjetajiet mużikali jiġifieri: il-baned Duke of Edinburgh u Prince of Wales, il-Camera di Lettura, is-Soċjetà Mutuo Soccorso Sacra Famiglia, id-Domus Juventutis u Circolo San Lorenzo(1).

Filwaqt li dawn ir-rappreżentanti Vittoriosani kienu preżenti fis-sala fejn kienet qed tiltaqa’ l-Assemblea, fit-toroq mal-folla kienu bosta l-Vittoriosani li kienu qed jipprotestaw. L-aktar magħruf huwa Wenzu Dyer, żagħżugħ ta’ 21 sena, iben Enrico Dyer magħruf bħala ‘Tal-Block’ li kien joqgħod fin-numru 78, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur (2). Dan għall-ħabta tas-6:00pm, waqt li kienet qed tiġi attakkata l-istamperija ta’ Daily Malta Chronicle, fi Triq it-Teatru l-Antik, kien qiegħed iserraħ maġenb il-funtana fil-kantuniera ta’ Pjazza San Ġorġ, faċċata ta’ din l-istamperija. F’dak il-ħin hu ġie milqut minn waħda mill-balal sparati mis-suldati taħt it-tmexxija tal-Lieutenant Shields. Huwa safa’ milqut serjament. Fi ftit tal-ħin waqa’ għal mejjet f’għadira demm quddiem il-Main Guard bil-bandiera Maltija mdawwra ma’ għonqu (3). Fit-tmeninijiet tas-seklu 20 fil-Birgu, Belt twelidu, Triq l-Irlandiżi nbidlilha isimha għal Triq Wenzu Dyer.

Vittoriosan ieħor li safa’ ferut l-għada, jiġifieri fit-8 ta’ Ġunju 1919, kien Federico Attard, żagħżugħ ta’ 19-il sena magħruf bħala ‘Ta’ Gruma’ li ġie ferut fi Strada Rjali. Dakinhar, fl-istess triq waqt l-irvellijiet kiser saqajh Antonio Cassano, anzjan Vittoriosan ta’ 77 sena, magħruf bħala ‘Ta’ Pisella’ li miet ħames xhur wara l-inċidenti fl-isptar Santu Spirtu (4). Dawn huma l-vittmi li ġew irrappurtati u għalhekk hemm isimhom fil-listi uffiċjali, iżda ċertament li kienu aktar il-Vittoriosani nvoluti u possibbilment feruti.

Il-ġrajja tas-Sette Giugno kienet tappa importanti li mmarkat l-istorja soċjali u politika tagħna l-Maltin u li waslet għall-għotja tal-kostituzzjoni flimkien ma’ gvern responsabbli, u l-ftuħ tal-Parlament Malti fis-sena 1921.
___________
Noti:
(1) La Voce del Popolo, 26 ta’ Frar 1919.
(2) L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, Lista ta’ Nies li ġew feruti fl-irvellijiet tas-7 u 8 ta’ Ġunju 1919.
(3) Kenneth Gambin, Kulħadd għall-Belt Sette Giugno 1919-2019 - Exhibition Catalogue. Heritage Malta, p 63.
(4) Op. Cit. L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, Lista ta’ Nies li ġew feruti fl-irvellijiet tas-7 u 8 ta’ Ġunju 1919.

Fir-ritratti ta' hawn taħt jidher Wenzu Dyer, il-post fejn tilef ħajtu fil-Main Guard u l-lista ta' dawk li tilfu ħajjithom.

SANITISERS GĦALL-KNISJA TAGĦNA

Il-parroċċa tagħna qed tipprepara bis-sħiħ biex minn nhar is-Sibt li ġej il-knisja ta' San Lawrenz terġa' tkun miftuħa għall-pubbliku. S'intendi dan se jkun possibbli billi jiġu mħarsa d-direttivi kollha li ngħataw mill-Kurja tal-Arċisqof fil-bidu ta' din il-ġimgħa.

Fir-ritratt jidher l-istand taż-żewġ sanitisers li se jkunu ħdejn il-bibien tal-knisja, bil-logo tal-knisja tagħna fuqhom u l-kliem 'Parroċċa San Lawrenz Belt Vittoriosa'. Dawn saru apposta għalina mill-kumpanija SignIt Ltd, li minn hawn nirringrazzjahom. Aktar dettalji dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-knisja jingħataw matul din il-ġimgħa.

laikos.org

IL-ĦARĠA TA' ĠUNJU TA' FLIMKIEN

Qed nippubblikaw il-ħarġa elettronika tar-rivista FLIMKIEN. Agħmel klikk fuq il-link biex tiftaħ.

http://laikos.org/flimkien_gunju_2020.pdf?fbclid=IwAR34r1m4OWWeK-kZJvPJlS2Xljhq2i0mt-t9tiKG38BxLLSciL81fKfpRd8

laikos.org

L-ARTAL TAT-TRINITÀ FIL-KOLLEĠĠJATA TAL-BIRGU

Kitba George Agius

Fil-kappellun tal-Karità ħdejn il-bieb tas-sagristija nsibu artal iddedikat lit-Trinità Qaddisa. Dan l-artal flimkien ma’ dak li hemm fil-kappellun tal-Kunċizzjoni ddedikat lil Santa Marija sar madwar 140 sena ilu (1). Dawn ħadu post żewġ niċeċ tal-injam li fihom kienu jinżammu l-istatwi tad-Duluri u l-Ecce Homo(2), li sfortunatament inqerdu fil-gwerra meta ġġarrfet l-Awla Kapitulari. Fuq dawn in-niċeċ kien hemm ukoll żewġ pitturi, waħda tal-Madonna tas-Silġ u l-oħra ta’ San Kosma u San Damjan li tneħħew biex jagħmlu post għall-dawn l-artali (3).

Il-Kwadru tat-Trinità

L-inkwadru tat-Trinità huwa xogħol mill-isbaħ tas-seklu 17 magħmul minn pittur mhux magħruf (4). Hawn min isostni li oriġinarjament dan il-kwadru kien jinkludi biss ix-xbieha tat-Trinità u għalhekk kien iżgħar minn kif jidher illum (5). F’din il-pittura naraw lill-Missier Etern iħares lejn il-ġisem mejjet ta’ Ġesù Kristu miżmum fuq ħoġru. Fl-isfond tal-Missier Alla jispikka il-kulur dehbi li jikkuntrasta bil-kbir mas-sħab iswed li jiddomina din il-parti tal-pittura. L-Ispirtu s-Santu huwa raffigurat permezz ta’ ħamiema bajda li qed tittajjar fuq ir-ras ta’ Kristu. Fuq il-lemin u xellug tal-Missier jidhru żewġ anġli, wieħed iżomm il-frosta u l-ieħor iżomm il-lanza. Simboli oħra li naraw fil-pittura marbuta mal-Passjoni huma il-kuruna tax-xewk u l-imsiemer. Fil-parti ta’ isfel insibu l-figura sħiħa ta’ żewġ qaddisin martri bil-palma f’idejhom. Dawn aktarx huma San Kosma u San Damjan (6), għalkemm hawn min isostni li huma San Ġervasu u San Protasju (7).

Il-Knisja tat-Trinità

Jidher li matul is-sekli d-devozzjoni lejn it-Trinità fil-Birgu kienet qawwija u kostanti. Xhieda ta’ dan huwa t-twaqqif ta’ artal iddedikat lil dan il-misteru fil-knisja tal-Madonna ta’ Monserrat fis-sena 1620. Fl-1784 it-titular ta’ din il-knisja nbidel minn dak tal-Madonna ta’ Monserrat għal dak tat-Trinità (8). Il-knisja tat-Trinità fl-1942 sfat imġarrfa waqt wieħed mill-attakki tal-ajru. Fil-bidu tas-snin sittin din il-knisja żgħira ddedikata lit-Trinita nbniet mill-ġdid u l-pittura titulari li naraw illum hija xogħol il-pittur Rafael Bonnici Cali (9).

Meta naħsbu ftit fuq dawn id-devozzjonijiet u xbihat li naraw fil-knejjes tagħna ma nistgħux ma napprezzawx dan il-wirt spiritwali kif ukoll artistiku li ħallewlna missirijietna. Mhux li kien li dawn id-devozzjonijiet ikunulna ta’ għajnuna biex nitqawwew fil-fidi. Ejjew nibżgħu għal dan il-patrimonju artistiku biex ngħadduh bla mittiefes lil uliedna. Il-festa tat-Trinità Qaddisa se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd li ġej.
______________________________
Noti:
(1) Gius Porsella Flores, Knejjes li ma għadhomx jidhru ġewwa l-Birgu, Veritas Press, 2002, p. 87.
(2) Ibid.
(3) Ibid., p. 88.
(4) Mario Buhagiar, “The Artistic Heritage”. Birgu – A Maltese Maritime City, Malta University Services Ltd, 1993, Vol 2, p. 478.
(5) Op. Cit. Gius Porsella Flores, p. 87.
(6) Op. Cit. Mario Buhagiar, p. 478
(7) Op. Cit. Gius Porsella Flores, p.87.
(8) Lorenzo Zahra, Il-Knisja tat-Trinita fil-Birgu, Telestar u l-Berqa, 20 ta’ Jannar 1971, p.13.
(9) Ibid.

L-Entitajiet kollha tal-Festa ta' San Lawrenz ħa jkunu qed jippreżentaw skeda ġdida ta' programmi varji - Ċelebrazzjoni Speċjali tal-Festi f'għeluq il-200 sena minn meta l-Parroċċa ta' San Lawrenz saret Kolleġġjata. Segwuna fuq il-paġni kollha uffiċċjali tal-Festa u tal-Parroċċa flimkien ma paġni oħra tal-Partitarji Palmiżi. L-iskeda tibda nhar is-Sibt 13 ta' Ġunju u tagħlaq it-Tnejn 15 ta' Ġunju.

#VSLmedia #TitulariBirgu

Rużarju, barka sagramentali u l-quddiesa tas-6:00pm

IL-KNEJJES JINFETĦU MILL-ĠDID GĦALL-PUBBLIKU


Illum wara nofsinhar l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħabbar li mis-Sibt-13 ta’ Ġunju filgħaxija u l-Ħadd 14 ta’ Ġunju, festa ta’ Corpus Christi (Solennità tal-Ġisem u d-Demm Għażiż tal-Mulej), se jerġa’ jibda jiġi ċċelebrat il-quddies bil-preżenza tal-pubbliku, fil-knejjes f’Malta u Għawdex. Din id-deċiżjoni tal-Isqfijiet ittieħdet b’konsultazzoni mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Bil-għan li l-knejjes ikunu mħejjija, qed isiru numru ta’ laqgħat mal-kappillani u mal-voluntiera li jgħinu fil-knejjes biex ikunu mħarrġa fuq il-miżuri ta’ prekawzjoni li ser jittieħdu fil-postijiet fejn ser tkun qed tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija. Id-direttivi tal-Isqfijiet li qed jiġu ppubblikati fuq il-website tal-Arċidjocesi ta’ Malta knisja.mt jistabilixxu l-proċeduri li jridu jiġu osservati qabel, waqt u wara l-quddiesa.

Il-prinċipji li fuqhom huma bbażati dawn id-direttivi rigward il-miżuri ta’ prevenzjoni huma d-distanza soċjali tal-kongregazzjoni, l-użu ta’ visor jew maskra, u s-sanitizzazzjoni. Biex jiġu rispettati dawn il-miżuri f’kull knisja ser jiġi stipulat l-ammont massimu ta’ nies li jistgħu jattendu għall-quddies, kemm jekk din issir fil-knisja u kemm jekk issir fil-miftuħ. Dan in-numru ser ikun ibbażat fuq il-kobor ta’ kull knisja.

Bl-istess mod li qed isir fil-preżent għall-funerali, ser tittieħed it-temperatura ta’ min ikun dieħel fil-knisja għall-quddiesa, filwaqt li fuq ġewwa se jkun hemm sinjali apposta fejn il-persuni jistgħu joqogħdu waqt li jirrispettaw id-distanza. Persuni bid-deni jew sintomi ta’ influwenza ma jitħallewx jidħlu għall-quddiesa.

Waqt il-quddiesa fl-ebda ħin m’għandu jkun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas fl-għoti tal-paċi. Għat-Tqarbin, il-persuni jintalbu jibqgħu f’posthom u jkun is-saċerdot liebes il-visor li jmur iqarben fl-idejn lil dawk preżenti, wara li jkun ħasel idejh bis-sanitiser. L-istqarrija ta’ fidi fejn is-saċerdot jgħid “Il-Ġisem ta’ Kristu” u l-persuna li qed titqarben twieġeb “Ammen” tingħad darba biss minn fuq l-artal. Fi tmiem il-quddiesa, dawk preżenti jridu joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal-miżuri tad-distanza soċjali.

Id-deċiżjoni tal-Isqfijiet tat-12 ta’ Marzu li għadda, li permezz tagħha l-Insara ngħataw dispensa mill-obbligu tal-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd, għalissa ser tibqa’ fis-seħħ. Ser tibqa’ wkoll tixxandar il-quddiesa ta’ kuljum fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt kif sar mit-13 ta’ Marzu li għadda.
Il-miżuri ta’ prevenzjoni li qed jiġu implimentati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex ser ikunu qed jiġu evalwati b’mod regolari u b’konsultazzjoni mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

[Fir-ritratt: L-Arċisqof waqt li ħabbar l-arranġamenti l-ġodda]

It-Tnejn, 1 ta' Ġunju 2020 - Festa ta' Marija Omm il-Knisja

Rużarju, barka sagramentali u l-quddiesa tas-6:00pm

BŻONN URĠENTI TA' VOLUNTIERA

Mill-Kurja tal-Arċisqof talbuna nibdew nippreparaw biex jekk il-knejjes jiftħu mill-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin, bħala parroċċa nkunu lesti biex nilqgħu lin-nies lura fil-knisja tagħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

Imma biex dan iseħħ għandna bżonn ta' għadd ta' voluntiera, barra s'intendi l-kontribut finanzjarju tagħkom biex inkunu nistgħu nlaħħqu ma' spejjeż ġodda marbuta ma' dan il-ftuħ mill-ġdid tal-knisja tagħna.

Aktar URĠENTI: għandna bżonn l-ismijiet ta' dawk li jkunu lesti jgħinu fil-quddies li jsir: min jieħu t-temperatura ta' dawk li jidħlu l-knisja; min joqgħod mas-sanitizers biex kulħadd jaħsel idejh qabel jidħol; min jieħu ħsieb ipoġġi n-nies bilqegħda fil-postijiet immarkati apposta. Min jara li kollox jimxi sew waqt il-quddiesa. S'intendi dawk kollha li joffru li jagħtu dan is-servizz ikunu mistennija jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex iħarsu lilhom infushom.

Għandna bżonn ukoll li nkabbru l-lista ta' dawk li jieħdu ħsieb joqogħdu mal-knisja meta din tkun miftuħa filgħodu. Dan biex ikun hemm dejjem xi għadd għassa mal-knisja.

JEKK TAĦSEB LI TISTA' TGĦIN, NITOLBOK TIKKOMUNIKA MIEGĦI B'SMS JEW TĦALLI ISMEK FUQ DIN IL-PAĠNA ... JEKK JISTA' JKUN SAL-LEJLA. GRAZZI LIL KULĦADD.

ĠUŻI GARZIA MAR GĦAND IL-MULEJ

Nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Mejju, il-Mulej għoġbu jsejjaħ fi ħdanu lil Ġużi Garzia, wieħed mill-anzjani tal-Birgu, li kellu 97 sena.

Ġużi kien miżżewweġ lil Ġuża nee Mizzi u kellu żewġ ibniet, Doris u Roseann. Kien nannu ta’ ħameas neputijiet u bużnannu ta’ pro neputija .

Ġużi għadda ħajtu jaħdem it-Tarzna ta’ Malta għall-familja tiegħu li tant kien iħobb u f’żogħżitu kien attiv fil-klabb tal-Vittoriosa Stars. Bħal kull Vittoriosan ieħor, Ġużi kellu mħabba kbira lejn il-patrun ta’ Beltna, San Lawrenz u ma jistax jonqos li din id-devozzjoni għaddieha lil uliedu. Doris illum hi lettura fil-parroċċa tagħna.

F’isem il-membri tal-komunità parrokkjali tal-Birgu u f’isem sħabi s-saċerdoti nagħti l-kondoljanzi tiegħi lil uliedu u l-familji tagħhom. Mulej, agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

TLETIN SENA ILU ĠWANN PAWLU II KIEN IL-BIRGU!

Kitba ta' Fr John Avellino

Tletin sena ilu Ġwanni Pawlu II żar il-Birgu tagħna! Il-Papa mill-Polonja, li seraq qlub il-bnedmin tad-dinja kollha, kien fl-ewwel Żjara Pastorali tiegħu fil-Gżejjer Maltin. Fir-realtà kien l-ewwel darba fl-istorja tagħna li Papa żar pajjiżna. Din iż-żjara seħħet bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju 1990. It-tema ta’ din iż-żjara kienet ‘Qalb Waħda mal-Papa’.

Waqt iż-żjara tiegħu f’Malta Ġwanni Pawlu II żar iż-żewġ gżejjer Maltin u mexxa tlettax-il ċelebrazzjoni u mumenti ta’ talb. Ġwanni Pawlu II wasal f’Malta l-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju u l-għada s-Sibt, 26 ta’ Mejju, żar id-Djoċesi ta’ Għawdex. Il-Papa rritorna minn Għawdex bil-Katamaran u daħal fil-Port il-Kbir, fost l-entużjażmu ta’ eluf ta’ eluf ta’ Maltin li ħonqu kull rokna tal-Port il-Kbir.

Wara li għall-ħabta tas-6pm l-Papa sellem il-poplu tal-viċini tagħna s-Sengleani, hu mbagħad rikeb il-Pope Mobile, akkumpanjat mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u mill-Isla wasal f’Beltna, fejn għadda minn quddiem il-knisja parrokkjali u baqa’ sejjer sa’ Couvre Porte, fejn kellu laqgħa memorabbli mal-ħaddiema.

Iż-żjara tal-Papa laħqet il-qofol tagħha b’quddiesa Pontifikali fuq il-Fosos tal-Furjana l-Ħadd, 27 ta’ Mejju 1990, li ħabtet is-Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema. San Ġwanni Pawlu II għamel it-tieni żjara tiegħu f’Malta fl-2001, meta ibbeatifika lil Dun Ġorġ Preca, Nazju Falzon u Sr Maria Adeodata Pisani OSB.

ĊETTINA MARRET GĦAND IL-MULEJ

Concetta Mangion, jew aħjar kif kienet magħrufa, Ċettina, ilbieraħ marret tiltaqa' mal-Ħallieq tagħna fis-sema, fl-età ta' 94 sena. Il-funeral tagħha sar illum wara nofsinhar.

Ċettina kienet mill-Isla, imma kienet ilha tgħix il-Birgu għal aktar minn sittin sena. Kienet omm ta' ħamest itfal, Maria, Pauline, Jane u Stephen. Binha Joe kien ħalliena fl-1981.

Ċettina kienet Terzjarja Dumnikana. Kienet mara ta' fidi kbira u għexet ħajja sempliċi, imma ta' eżempju kbir għall-familja tagħha. Kienet omm tassew, li għexet tista' tgħid għal uliedha. F'isem il-komunità parrokkjali, nagħti l-kondoljanzi lil uliedha. Mulej, agħtiha l-mistrieħ ta' dejjem.

L-Ewwel Erbgħa 2020 Programm Speċjali - Il-bidu għat-triq tal-Festa!

L-Ewwel Erbgħa 2020 Programm Speċjali - Il-bidu għat-triq tal-Festa!

Mistiedna fil-programm: Glenn Agius - Kaxxier tal-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz, Laurence Montesin - Assistent Segretarju Għaqda Piroteknika 10 t'Awwissu u l-Arċipriet Kanonku Carmelo Busuttil. Preżentazzjoni ta' Pawlu Micallef.

#VSLMedia #TitulariBirgu

Want your place of worship to be the top-listed Place Of Worship in Il-Birgu?

Click here to claim your Sponsored Listing.

Videos (show all)

Il-Ħadd, 7 ta' Ġunju 2020
It-Tnejn, 1 ta' Ġunju 2020 - Festa ta' Marija Omm il-Knisja
L-Ewwel Erbgħa 2020 Programm Speċjali - Il-bidu għat-triq tal-Festa!
Jum l-Ewwel Erbgħa ta' San Lawrenz
EYES DOWN Programm ta' Divertiment
MILL-FESTI TAL-PASSAT - IT-TIELET PROGRAMM
EYES DOWN Programm ta' Divertiment
Mill-Festi tal-Passat (2)

Location

Category

Telephone

Address


Triq San Lawrenz
Il-Birgu
BRG 1385
Other Il-Birgu places of worship (show all)
Kunvent Dumnikan tal-Lunzjata, il-Birgu Kunvent Dumnikan tal-Lunzjata, il-Birgu
Triq Il-Mina L-Kbira
Il-Birgu, BRG 1024

Official page of the Dominican Community in Vittoriosa